Il-Kleru u ħidmietu
Il-ħidma tas-saċerdot hi spiritwali u umana. Is-saċerdot huwa strument f’idejn Alla biex permezz tiegħu jwassal il-Bxara t-Tajba lill-oħrajn. F’din il-ħidma tiegħu, is-saċerdot iressaq lill-bnedmin lejn Alla għax jemmen li l-aqwa ġid li jista’ jkollu l-bniedem jiġi minn Alla.
Is-saċerdot djoċesan, bl-ordinazzjoni tiegħu, jikkommetti ruħu li jaħdem prinċipalment fid-djoċesi, skont ir-rieda tal-isqof tiegħu. Dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali, huwa jwiegħed ubbidjenza u stil ta’ ħajja li taqbel mal-Vanġelu lill-isqof tad-djoċesi u lis-suċċessuri tiegħu. Is-saċerdoti reliġjużi huma membri ta’ xi wieħed mill-ordnijiet jew kongregazzjonijiet reliġjużi fi ħdan il-Knisja. Saċerdot reliġjuż iwiegħed l-ubbidjenza lis-superjuri tiegħu u billi l-ordnijiet reliġjużi jkunu preżenti f’aktar minn djoċesi waħda, huwa jista’ jiġi mitlub mis-superjuri tiegħu li jaħdem kull fejn ikun meħtieġ.
Ħidmiet
Dawn huma xi wħud mill-ħidmiet tal-kleru:
- Tmexxija tal-parroċċi u l-komunitajiet Insara
- Xandir tal-Kelma t'Alla u evanġelizzazzjoni
- Formazzjoni nisranija
- Tmexxija taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi bħall-quddiesa, funerali u l-ħinijiet tat-talb tal-ġemgħa
- Amministrazzjoni tas-sagramenti bħall-magħmudija, il-qrar, it-tqarbin u żwiġijiet
- Pastorali maż-Żagħzagħ
- Pastorali mal-familji
- Direzzjoni spiritwali u akkumpanjament tal-poplu t'Alla
- Kura pastorali fl-isptarijiet u djar tal-anzjani
- Kura pastorali fl-iskejjel
- Tagħlim tal-filosofija u teoloġija
- Ħidma fit-Tribunal tal-Knisja
- Ħidma missjunarja madwar id-dinja
- Ħidma soċjali ma' persuni fil-bżonn
- Ħidma vokazzjonali