Talb għas-saċerdoti

Itolbu għas-saċerdoti kollha u għall-ministeru tiegħi, sabiex kull ħidma pastorali tkun stampata bl-imħabba li Kristu għandu lejn kull bniedem.

Papa Franġisku (Tweet tat-28 ta' Ġunju 2019)

Għaliex għandi nitlob għas-saċerdoti?

Is-saċerdoti, bħall-Insara kollha, mexjin il-mixja tal-fidi fi Kristu. Huma jiddedikaw ħajjithom kollha sabiex isaħħu l-fidi f’dawk kollha li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum, l-iktar fix-xogħol pastorali tagħhom. Biex jagħmlu dan iridu jissaħħu huma wkoll ta’ kuljum fil-fidi tagħhom. Din is-saħħa jsibuha fit-talb tagħhom matul il-ġurnata kollha, imma wkoll fit-talb offrut għalihom mill-komunità kollha Nisranija. Kull Nisrani għandu jitlob għas-saċerdoti tiegħu għax jemmen li b’hekk iqawwi l-fidi tagħhom u jsaħħaħ is-sejħa tagħhom li jkunu xhieda ċara ta’ Kristu.  

Xi tfisser taddotta saċerdot fit-talb?

Li taddotta saċerdot fit-talb huwa impenn li titlob għal saċerdot partikolari ta’ kuljum. Il-poplu t’Alla huwa msejjaħ sabiex jieħu ħsieb u jqawwi spiritwalment ir-ragħajja tiegħu bil-qawwa tat-talb. B’hekk is-saċerdoti jkunu jistgħu jseddqu l-għaqda tagħhom ma’ Ġesù sabiex ikunu dejjem xhieda tal-ħniena u l-imħabba t’Alla.

Xi rrid nagħmel?

Sabiex taddotta saċerdot trid timpenja ruħek li titlob ta’ kuljum għal xi saċerdot partikolari, li jiġi minnek jew li jaħdem fil-parroċċa tiegħek jew li hu ħabib tiegħek. Barra minn hekk toffri t-talb tiegħek ukoll għas-saċerdoti inġenerali u għal iktar vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża. M’hemmx għalfejn timla xi applikazzjoni u lanqas m’għandek tikkuntattja lis-saċerdot partikolari li qed titlob għalih. L-importanti huwa l-impenn tat-talb ta’ kuljum li jkun ta’ sostenn spiritwali għalih.

Talb

Talba għas-saċerdoti ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù

O Ġesù Saċerdot ta’ dejjem, żomm is-saċerdoti tiegħek fil-kenn ta’ qalbek imqaddsa, fejn ħadd ma jista’ jmisshom.
Żomm mingħajr tebgħa jdejhom imbierka li jmissu kuljum ġismek imqaddes.
Żomm safja xofftejhom li jixxarrbu kuljum bid-demm tiegħek għażiż.
Żomm qalbhom nadifa mit-tniġġiż tas-semm tad-dinja u mimlija bil-kobor tas-sejħa tagħhom.
Ikunu mixgħulin bi mħabbtek, biex Imħabbtek tħarishom minn kull ħażen ta’ ġibdiet qarrieqa.
Bierek il-ħidma tagħhom, biex tkun ta’ fejda u ta’ ġid u agħmel li l-erwieħ li għandhom f’idejhom biex imexxu fit-triq tas-sewwa, ikunulhom ta’ faraġ, hawn f’din l-art u ta’ hena bla tmiem fil-ħajja ta’ dejjem. Hekk ikun.

Talba ghall-Vokazzjonijiet

Mulej, Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu,
li qal li l‑ħsad huwa kbir iżda l-ħaddiema huma ftit,
nitolbuk li tibgħat aktar ħaddiema għall-ħsad tiegħek.
Agħmel li ż-żgħażagħ tagħna jkunu dejjem iktar ġenerużi għas-sejħa tiegħek.
Imla lill-ġenituri bil-fidi, bl-imħabba u bl-ispirtu ta’ sagrifiċċju,
biex joffru lil uliedhom għas-servizz tiegħek
u jifirħu meta xi ħadd minnhom ikun imsejjaħ għall-ħajja kkonsagrata lilek.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna.
Ammen.

LITANIJA GĦAS-SAĊERDOTI

Nitolbu għall-Papa, imlieh bil-kuraġġ u l-grazzja, Mulej.

Kardinali, l-arċisqfijiet u l-isqfijiet, agħtihom qalb ta’ ragħajja, Mulej.

Għas-saċerdoti djoċesani, imliehom bl-Ispirtu tiegħek, Mulej.

Għas-saċerdoti fi ħdan l-ordnijiet reliġjużi, ipperfezzjona s-sejħa tagħhom, Mulej

Għas-saċerdoti li jinsabu morda, fejjaqhom, Mulej.

Għas-saċerdoti li jinsabu fil-periklu, eħlishom, Mulej.

Għas-saċerdoti li huma dgħajfa, qawwihom, Mulej.

Għas-saċerdoti li huma foqra, serraħhom, Mulej.

Għas-saċerdoti li tilfu l-ħeġġa, ġeddidhom, Mulej.

Għas-saċerdoti li jinsabu mnikkta, farraġhom, Mulej.

Għas-saċerdoti li jinsabu nkwetati, agħtihom il-paċi, Mulej.

Għas-saċerdoti li huma anzjani, assistihom, Mulej.

Għas-saċerdoti li jinsabu weħedhom, akkumpanjahom, Mulej.

Għas-saċerdoti missjunarji, ipproteġihom, Mulej.

Għas-saċerdoti predikaturi, dawwalhom, Mulej.

Għas-saċerdoti li jiggwidaw l-erwieħ, ħarriġhom, Mulej.

Għas-saċerdoti u r-reliġjużi li mietu, wassalhom għall-glorja, Mulej.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom l-għerf u t-tagħrif tiegħek.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-fehma u l-kunsill tiegħek.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom reverenza u qima lejk.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-paċenzja u l-imħabba.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom l-ubbidjenza u l-ħniena.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom żelu dejjem iħeġġeġ għall-erwieħ.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-virtujiet tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom imħabba dejjem qawwija lejn l-Ewkaristija.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom lealtà lejn il-Papa u l-Isqfijiet f’għaqda miegħu.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom rispett lejn il-ħajja u d-dinjità umana.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom integrità u ġustizzja.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom umiltà u ġenerożità.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom qawwa fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-paċi fis-sofferenzi tagħhom.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom imħabba kbira lejn it-Trinità.

Għas-saċerdoti kollha, agħtihom imħabba kbira lejn Marija, Omm Alla u Ommhom.

Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu d-dawl ta’ Kristu.

Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu l-melħ tal-art.

Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jipprattikaw is-sagrifiċċju u ċ-ċaħda tagħhom infushom.

Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu qaddisa f’ġisimhom, f’moħħhom u fl-ispirtu.

Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu nies ta’ talb.

Għas-saċerdoti kollha, ħa tiddi fihom il-fidi.

Għas-saċerdoti kollha, ħa jħabirku dejjem għas-salvazzjoni ta’ ruħna.

Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu fidili lejn il-vokazzjoni saċerdotali tagħhom.

Għas-saċerdoti kollha, ħa jbierku u jfejqu bl-idejn qaddisa tagħhom.

Għas-saċerdoti kollha, ħa jkunu dejjem imħeġġa bi mħabba lejk.

Għas-saċerdoti kollha, agħmel li kull pass li jagħmlu jkun għall-glorja t’Alla.

Għas-saċerdoti kollha, agħmel li l-Ispirtu s-Santu jimliehom u jagħtihom id-doni Tiegħu b’abbundanza.

Nitolbu: Missier, Iben u Spirtu s-Santu, isma’ t-talb li qed noffru għas-saċerdoti tagħna.

Agħmel li jagħrfu b’mod ċar il-ħidma li Int qed issejħilhom għaliha. Agħtihom kull grazzja biex iwieġbu għas-sejħa Tiegħek b’kuraġġ, bi mħabba, u b’dedikazzjoni dejjiema għar-rieda Tiegħek.

Aħna nitolbu bl-interċessjoni ta’ Marija, l-Omm maħbuba tagħhom.  Ammen.

Talba tas-Sejħa – San Ġwann Pawlu II

Mulej Ġesù, int sejjaħt l-ewwel dixxipli biex tagħmilhom sajjieda tal-bnedmin.
Kompli semma’ llum is-sejħa ħelwa tiegħek: ‘Ejja u imxi warajja.’
Agħti lill-irġiel u lin-nisa l-grazzja li jwieġbu bla dewmien għas-sejħa tiegħek.
Qawwi l-isqfijiet, is-saċerdoti u l-erwieħ ikkonsagrati fix-xogħol appostoliku tagħhom.

Agħti perseveranza lis-seminaristi u lil dawk kollha li qed jgħixu l-ideal ta’ ħajja b’konsagrazzjoni totali fis-servizz tiegħek.
Nissel fil-komunitajiet tagħna żelu missjunarju. Ibgħat, Mulej, ħaddiema fil-għalqa tiegħek u tħallix lill-bniedem jintilef minħabba n-nuqqas ta’ ragħajja, missjunarji u nies iddedikati għall-kawża tal-Vanġelu.

Marija, Omm il-Knisja, mudell tal-vokazzjonijiet, għinna nwieġbu ‘iva’ lill-Mulej li jsejħilna biex nikkollaboraw mal-pjan divin tas-salvazzjoni. Ammen.